Sitt ijiem ta’ mistrieħ qalb destinazzjonijiet fejn l-immensita tal-Baħar Mediterran tiltaqa’ mal-measta tal-Alpi Franċiżi. Niskopru r-Riviera Franċiża u dik Taljana magħrufa bħala Riviera dei Fiori, meta nżuru Nizza, St Paul de Vence, Eze, Monaco, Monte Carlo, Cannes, Antibes, Dolceaqua, Menton u Sanremo, apparti ftit sigħat fil-belt ta’ Milan.
Travel Dates
Some of the towns, cities and points of interest we’re visiting during this tour.
No hidden charges.
Prezzijiet:
€920 – Adulti
€890 – Tfal sa 11 -il sena
Dati:
1) 30 ta’ Marzu sal-4 t’April, 2027
2) 6 sa 11 t’April 2027
3) 13 sa 18 t’April 2027
4) 20 sa 25 t’April 2027
5) 27 t’April sat-2 ta’ Mejju 2027
6) 4 sa 9 ta’ Mejju 2027
7) 11 sa 16 ta’ Mejju 2027
8) 1 sa 6 ta’ Ġunju 2027
9) 8 sa 13 ta’ Ġunju 2027
10) 21 sa 26 ta’ Settembru 2027
11) 28 ta’ Settembru sat-3 ta’ Ottubru 2027
All Sisu Tours have very well-planned itineraries and you will be assisted by experienced tour guides.
L-Ewwel Ġurnata
Naslu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex nirkbu t-titjira KM Malta Airlines lejn Milan Linate li titlaq fis-12:45pm u tasal fit-2:45pm. Hemmhekk insibu l-karozza privata tistenniena biex teħodna l-lukanda tagħna, Hotel Baia Bianca (3-star) li tinsab fil-belt ċkejkna ta’ ħdejn il-baħar, ta’ Diano Marina, ftit minuti bogħod minn Sanremo u mir-Riviera Franċiża. Naslu l-lukanda, nidħlu fil-kmamar u ninżlu għaċ-ċena (inbid u ilma inklużi fil-prezz) . Wara l-ikel, min jixtieq, ikun irid jista’ joħroġ mixja żgħira, ħdejn il-baħar, mat-tour leader biex jambjenta ruħu aħjar mal-post.
It-Tieni Ġurnata
Wara l-kolazzjon, il-karozza teħodna fil-belt famuża ta’ Nizza; waħda mill-ibliet ewlenin tar-Riviera Franċiża. Hawnhekk, fuq naħa għandna l-Baħar Mediterran u fuq in-naħa ta’ ġewwa l-Alpi Franċiżi. Ikollna l-ħin induru maċ-ċentru storiku tagħha, naraw il-pjazza, is-Sala Muniċipali, it-Teatru tal-Opra, is-Suq tal-Fjuri u l-Ikel, il-Katidral ta’ Santa Riparata, bosta ħwienet eleganti li jżewquha kif ukoll nippassiġġaw fuq il-promenade famuż tagħha u ngawdu l-atmosfera unika ta’ dan il-post. Waranofsinhar immorru fir-raħal stupend ta’ St Paul de Vence li jinsab fuq l-għoljiet ftit ‘il barra minn Nizza. St Paul de Vence ma tantx hu magħruf mill-Maltin, iżda huwa ġawhra li qalb l-Alpi Marittimi Franċiżi li ma jintesiex malajr. Huwa wieħed mill-eqdem irħula medjevali tar-Riviera Franċiża. Hawn se nitpaxxew nippassiġġaw qalb it-toroq dojoq ta’ dan ir-raħal li huwa mimli ħwienet tal-arti u tal-artiġġjanat. Filgħaxija jkollna ċ-ċena fil-lukanda.
It-Tielet Ġurnata
Wara l-kolazzjon illum nitilqu lejn ir-raħal Franċiż ta’ Ĕze li jinsab nofs triq bejn Nizza u Monaco. Dan ir-raħal jinsab 427 metru ‘l fuq mil-livell tal-baħar u minn hawn inkunu nistgħu ngawdu xenarji spettakolari tal-kosta Franċiża. Din iż-żona hija magħrufa wkoll għall-fwieħa li tipproduċi u għalhekk se jkollna l-opportunità li nżuru l-fabbrika-laboratorju ta’ Fragonard Parfumeur li tinsab fid-daħla tal-istess raħal ta’ Ĕze (ħlas tad-dħul inkluż). Min jixtieq, ikun jista’ jixtri fwejjaħ esklussivi bi prezz tal-fabbrika. Wara, nitilqu lejn il-Prinċipat ta’ Monaco li huwa Stat Sovran fuq ir-Riviera Franċiża. Monaco huwa t-tieni l-iżgħar Stat fid-dinja wara l-Vatikan u huwa magħruf fost affarijiet oħra bħala wieħed mill-postijiet l-aktar sinjuri u esklussivi tad-dinja. L-ewwel nieqfu ftit f’Monaco biex naraw il-palazz irjali tal-Grimaldi, il-Katidral, il-ġonna u t-toroq tipiċi tal-post, u mbagħad naqsmu lejn id-distrett ta’ Monte Carlo biex nammiraw postijiet bħal Place du Casino, Hotel de Paris, Cafè de Paris u aktar. Hawnhekk ngħaddu mill-istess triq li fuqha jsiru t-tlielaq tal-Gran Prix ta’ Monaco. Ikun hemm ħin biex min jixtieq, jidħol fil-Casino. Filgħaxija jerġa’ jkollna ċ-ċena fil-lukanda.
Ir-Raba’ Ġurnata
Wara l-kolazzjon, l-ewwel destinazzjoni tkun Sanremo, il-belt magħrufa għall-fjuri u fuq kollox għall-festival tal-kanzunetta Taljana, iżda belt li toffri ħafna aktar. Hawnhekk naraw il-knisja tar-Russi, ngħaddu minn quddiem il-Casino ta’ Sanremo, nimxu qalb it-triq tal-ħwienet, naslu sa ħdejn it-Teatru Ariston li min irid, (dejjem skont id-disponibilita tat-teatru) ikun jista’ jaqta biljett biex jidħol jarah, u anki naraw il-Katidral ta’ Sanremo, li huwa ddedikat lil San Siro. Waranofsinhar nidħlu Franza, biex immorru Menton; raħal ħelu Franċiż mal-baħar, magħruf ħafna għal-lumi u ċ-ċitru, u kollu veduti mill-isbaħ. Hawn ikollna l-ħin kollu nippassiġġaw maċ-ċentru storiku ta’ dan ir-raħal tar-Riviera Franċiża u min irid, jiekol xi ħaġa. Imbagħad nerġgħu nidħlu l-Italja u did-darba mhux mal-kosta jew ir-riviera imma nidħlu qalb il-widien u l-muntanji biex niskopru r-raħal ta’ Dolceacqua. Dan ir-raħal huwa dejjem sorpriża għal kull min iżuru, minħabba d-dehra kartolina li joffri; tassew post uniku li bħalu, ftit ftit nistgħu qatt naraw. Tard waranofsinhar nitilqu lejn il-lukanda fejn ikollna ċ-ċena.
Il-Ħames Ġurnata
Nieħdu l-kolazzjon fil-lukanda u llum nitilqu lejn il-belt ta’ Cannes. Din hija belt oħra ewlenija, magħrufa l-aktar għall-festival taċ-ċinema li jsir darba f’sena. Minħabba dan, hija belt li tiġbed l-istilel taċ-ċinema u artisti oħra importanti. Għalhekk, anki l-ħwienet u l-lukandi li naraw huma attrazzjoni fihom infushom. Ikollna ċ-ċans nimxu mal-post. Min irid jista’ anki jdur dawra bil-ferrovija tat-turisti u min hu avventuruż jista’ anki jaqsam bid-dgħajsa lejn xi waħda mill-gżejjer viċin. Waranofsinhar, imbagħad insuqu lejn il-belt ta’ Antibes, famuża għas-swar li għandha telgħin minn fuq il-baħar, daqsxejn ta’ bajja ramlija, u bosta toroq sbieħ bi ħwienet, katidral u anki mużew importanti ta’ Picasso. Hawnhekk nibqgħu sa xħin isir il-ħin biex insuqu lejn il-lukanda għaċ-ċena.
Is-Sitt Ġurnata
Illum nieħdu l-aħħar kolazzjon, inqiegħdu l-bagalji fil-karozza u nitilqu lejn il-belt ta’ Milan. Hawn inqattgħu numru ta’ sigħat ingawdu ċ-ċentru storiku ta’ din il-belt unika. Żgur li nilħqu naraw Piazza Duomo, il-Galleria, u anki t-Teatro alla Scala. Ngħaddu wkoll minn ħdejn Castello Sforza. Ikun hemm ħin biżżejjed biex min irid jagħmel ftit xiri jew jippjana f’liema mużewijiet, knejjes jew attrazzjonijiet oħra jkun jixtieq jidħol. Tard waranofsinhar nitilqu lejn l-Ajruport ta’ Milan Linate għat-titjira tal-KM Malta Airlines li titlaq fid-8:45pm twassalna lura Malta fil-10:45pm.
Tel: (+356) 21564323
Email: admin@sisutours.com
SISU Tours, 50, Triq ir-Repubblika,
Victoria, Gozo, VCT1016,
MALTA
Kindly fill the requested information below to submit a booking request for your preferred tour. Do note, that this is only a provisional request, not a booking confirmation. We will get back to you and confirm.