SISU TOURS / 2027 EXCLUSIVE COLLECTION
WEST IRELAND
Stunning coastline & green countryside
Small groups of maximum 12 guests staying at Five Ferns House – Westport.
DURATION
6 days
MEALS
Half board
(inc wine & water)
DEPARTURES
2027 · Various dates
FROM
€1390 per adult
Skopri is-sbuħija tal-Irlanda
Natura mhux mittiefsa, bajjiet spettakolari jħarsu lejn l-Oċean Atlantiku, widien u għoljiet miksija bi ħdura bla tarf, fejn in-nagħaġ jirgħu fil-kwiet. Irħula pittoreski, pajsaġġi li jsaħħruk u tradizzjonijiet li għadhom ħajjin, fejn il-ħajja timxi b’ritmu aktar kalm. Din hija l-Irlanda awtentika li se tiskopri ma’ SISU Tours – esperjenza unika fi grupp żgħir, mimlija natura, storja u ospitalità Irlandiża!
X'se naraw
✓ Clew Bay u l-famuz Murrisk Famine Memorial
✓ Ashleigh Falls
✓ Kylemore Abbey f’Galway
✓ Keem Beach u l-Wild Atlantic Way
✓ Galway City
✓ Cong u Cong Abbey
✓ L-għadira Lough Na Fooey
✓ Il-belt ta’ Westport
✓ U ħafna iktar
Il-Programm
L-EWWEL ĠURNATA
Wasla, Westport
Naslu l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għat-titjira Ryanair li titlaq lejn Shannon fil-11:30am u tasal fis-2:25pm. Hemmhekk niltaqgħu ma’ Julian, il-gwida u sid il-lukanda, li jwassalna sal-lukanda Five Ferns House B&B fejn tilqagħna Rachel. Ikollna ħin nidħlu fil-kmamar u ninżlu għall-ewwel ċena flimkien. Filgħaxija noħorġu mixja fil-belt ta’ Westport biex nibdew l-esperjenza tal-pubs Irlandiżi tal-post.
IT-TIENI ĠURNATA
Muntanji u ilmijiet
Filgħodu nieħdu l-kolazzjon u noħorġu lejn il-Murrisk Famine Memorial billi ngħaddu mir-rotta xenika ta’ Clew Bay. Dan il-monument ifakkar il-vittmi tal-Ġuħ tal-Patata li f’nofs l-1800 għamel ħerba mill-popolazzjoni Irlandiża. Jinsab f’riġlejn il-Crough Patrick, il-muntanja fejn San Patrizju għadda 40 ġurnata meta kkonverta lill-Irlanda għall-Kristjaneżmu. Imbagħad inżuru Bertra Beach, waħda mill-aktar spettakolari ta’ Mayo, li tinsab għad-dell tal-muntanja, u naraw il-ħafna Gżejjer Drumlin’. Nibqgħu sejrin Ashleigh Falls, kaskata fix-xmara Errif li tfawwar għal fuq Killary Fjord li jiġi bejn il-muntanji għoljin ta’ Mweelree u Ben Gorm. Xalata ta’ veduti uniċi li f’Malta ma nistgħux naraw bħalhom. Minn hemm naslu fir-raħal ta’ Leenaun u nżuru Kylemore Abbey f’Galway – kastell tal-1867 mibni minn Mitchell Henry. Filgħaxija jkollna ċ-ċena fil-lukanda.
IT-TIELET ĠURNATA
Achill fil-Punent u l-bajjiet
Wara l-kolazzjon nerħulha lejn ir-raħal ta’ Mulranny. Hawnhekk naraw ix-xenarju kostali tal-Punent tal-Irlanda, il-Wild Atlantic Way kollha abitat naturali. Dan ir-raħal huwa l-bieb tal-Peninsula Currane, kwarta biss bogħod mill-gżira Achill. Mat-triq nieqfu fl-iSpanish Armada Point, il-post fejn fl-1588 għerqu żewġ bastimenti Spanjoli fil-bokka ta’ Clew Bay. Minn hawnhekk wieħed jista’ jgawdi panorama ta’ Clew Bay sa Clare Island. Nibqgħu sejrin fuq il-gżira Achill, gżira kollha ambjent selvaġġ, muntanji u rdumijiet li huma fost l-ogħla li wieħed isib fl-Ewropa. Din il-gżira hija magħrufa l-aktar għal Keem Beach; bajja b’ilma ċar qisu kristall; tassew xalata għall-għajnejn, festa ta’ ġografija u natura, fejn anki n-nagħaġ igawdu l-bajjiet! Filgħaxija nidħlu l-lukanda għaċ-ċena.
IR-RABA' ĠURNATA
Westport; il-qalb ta’ Mayo
Illum ikollna ċ-ċans indumu ftit aktar biex noħorġu u l-ġurnata tkun iddedikata għall-belt ta’ Westport fejn inkunu qegħdin noqogħdu. Wieħed ikun jista’ jagħżel li jippjana l-ġurnata tiegħu u l-postijiet interessanti li jixtieq iżur. Min jixtieq ikun jista’ jagħmel id-dawra bid-dgħajsa ma’ Clew Bay qalb il-ħafna gżejjer żgħar li wieħed isib fil-bajja. Inkella wieħed jista’ jibbukkja l-Westport Walking Tour li huwa ffukat aktar fuq il-kultura u l-istorja. Ikun hemm ukoll ħin għax-xiri u biex wieħed jagħmel xi mixja rilassata u jieqaf jieħu kafe jew jiekol xi ħaġa fir-ristoranti tal-post. Filgħaxija, imbagħad, ikollna ċ-ċena fil-lukanda.
IL-ĦAMES ĠURNATA
Galway
Wara l-kolazzjon, l-ewwel eskursjoni tkun lejn Galway City; il-kapitali Irlandiża tal-kultura u l-mużika. Galway hija magħrufa għall-ħajja u l-atmosfera tagħha kollha artisti, u tant storja medjevali fuq il-kosta tal-Atlantiku. Nibdew b’mixja li torjentana madwar is-siti storiċi u postijiet ta’ interess bħall-Arkata Spanjola, il-knisja ta’ San Nikola u t-Torri Lynch bl-istorja tiegħu. Naslu wkoll sal-pjazza Eyre, li kienet ċentru kbir fis-seklu 18. Waranofsinhar ikollna ħin liberu għax-xiri fil-kwartieri Latini; kemm xiri ta’ souvenirs, ħwejjeġ tas-suf tipikament Irlandiżi u ħwejjeġ oħra ta’ ditti magħrufa mal-Maltin.
IS-SITT ĠURNATA
Aktar spettaklu… tan-natura u anki taċ-ċinema!
Fl-aħħar ġurnata, nieħdu l-kolazzjon, ngħabbu l-bagalji u nitilqu lejn Cong. Bl-Irlandiż, Cong tfisser faxxa ta’ art, kif inhi faxxa dejqa l-art li fuqha huwa mibni dan ir-raħal, imdawwar b’nixxigħat ta’ ilma taħt l-art u xmajjar li jgħaqqdu Lough Corrib u Lough Mask, żewġ għadajjar mill-isbaħ. Dan ir-raħal jilqa’ fih il-fdalijiet ta’ Cong Abbey li aħna nżuruh bil-mixi flimkien mal-foresta ċkejkna ta’ ħdejh. Cong kien ukoll il-post fejn ġie ffilmjat il-film The Quiet Man ta’ John Wayne u Maureen O’Hara! L-istatwi tal-bronż ta’ dawn l-artisti narawhom ukoll matul iż-żjara tagħna. Imbagħad nibqgħu sejrin fil-kunvent medjevali Franġiskan ta’ Ross Errilly, fuq Black River. Dan huwa wieħed mill-aktar monumenti ekkleżjali l-aktar miżmumin tajjeb. Minn hemm immorru fl-għadira Lough Na Fooey; tassew ġawhra moħbija lesta għall-iskoperta. Hija għadira glazjali li ffurmat eluf ta’ snin ilu meta beda jinħall is-silġ tal-Irlanda. Waranofsinhar imbagħad insuqu lejn l-Ajruport ta’ Shannon biex naqbdu t-titjira Ryanair li titlaq lejn Malta fis-7:30pm u tasal fil-00:25am.
GUESTS NOT TOURISTS
Iktar dettalji
X'jinkludi
✓ Titjiriet mal-linja Ryanair, minn Malta għal Shannon fl-Irlanda, u lura.
✓ Bagalja 10kg u handbag/satchel kull persuna.
✓ Lukanda ‘Five Ferns B&B’ fuq bażi ta’ half-board.
✓ Ċena kull filgħaxija li tinkludi platt ewlieni u deżerta (ilma u nbid iklużi).
✓ Transfers u eskursjonijiet kollha skont il-programm.
✓ Kontribuzzjoni għall-Insolvency Fund.
✓ Servizz ta’ akkumpanjament ġewwa l-Irlanda minn persuni lokali li jitkellmu bil-Malti.
✓ Taxxa tas-soġġorn.
Tajjeb tkun taf
• Tista’ tagħzel li jkollok bagalja ta’ 20kg minflok dik ta 10kg għal ħlas addizjonali.
• Il-gruppi jkunu sa massimu ta’ 12 il-persuna.
• Il-grupp jkun akkumpanjat minn persuna lokali li titkellem bil-Malti (mhux fuq it-titjira).
• Nieħdu ħsieb l-esigenzi u ntolleranzi marbuta mal-ikel.
Enquire
Tel: (+356) 21564323
Email: admin@sisutours.com
Address: SISU Tours, Triq ir-Repubblika, Victoria, Gozo, VCT1016, MALTA.